1. Latest News
  2. Submit Press Release
  1. PR Home
  2. Latest News
  3. Feeds
  4. Alerts
  5. Submit Free Press Release
  6. Journalist Account

X'jaħsbu L-ewropej Dwar Il-kundizzjonijiet Tax-xogħol Tagħhom

L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (UE-OSHA) għadha kif ħarġet ir-riżultati ta' stħarriġ tal-opinjonijiet minn madwar l-Ewropa kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

FOR IMMEDIATE RELEASE

 
EU_OSHA logo
EU_OSHA logo
PRLog (Press Release) - Oct 09, 2009 -
Skont ir-riżultati, hemm tħassib kbir fost iċ-ċittadini Ewropej li l-kriżi ekonomika attwali tista' taffettwa b'mod negattiv is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u b'hekk tpoġġi f'riskju t-titjib li huma jirrapportaw li raw matul dawn l-aħħar ħames snin. Bosta Ewropej iħossu wkoll li jinsabu infurmati tajjeb dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jikkunsidraw li dan huwa fattur importanti meta jagħżlu xogħol ġdid.

Il-kriżi ekonomika tpoġġi pressjoni fuq il-ħaddiema Ewropej
Skont l-istħarriġ, 6 minn kull 10 Ewropej jistennew li l-kriżi ekonomika globali ser tiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'mod speċjali fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà. U maġġoranza sinifikanti ta' dawk li wieġbu (75%) minn madwar l-Istati Membri jemmnu li l-problemi ta' saħħa huma kkawżati, ta' mill-inqas sa ċertu grad, mix-xogħol li n-nies ikollhom.

Jukka Takala, Direttur tal-UE-OSHA, jirrikonoxxi l-isfidi li n-negozji jiffaċċjaw illum u jfakkarhom biex jinvestu fis-saħħa tal-ħaddiema tagħhom: "Il-kriżi finanzjarja tista' twassal lil xi organizzazzjonijiet biex jinjoraw jew inaqqsu l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Jeżisti wkoll riskju li l-kumpaniji jikkunsidraw inaqqsu l-investiment tagħhom fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS). L-isfida għalina, bħala l-Aġenzija, hija li nikkonvinċuhom li ma jagħmilx sens li wieħed jiffranka għal żmien qasir biex imbagħad ikollu jħallas għal problemi fit-tul. Il-ħidma tagħna kollha turi li aktar mal-postijiet tax-xogħol ikunu tajbin għas-saħħa, aktar hemm tendenza li jkunu produttivi".

Is-sigurtà tas-salarji u tal-impjiegi hija l-aktar importanti
Hekk kif il-qgħad jiżdied, in-nies jistgħu jsiru aktar imħassba dwar is-sigurtà immedjata tal-impjieg tagħhom milli dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Meta ġew mistoqsija dwar il-fatturi deċiżivi meta jagħżlu xogħol ġdid, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea wieġbu li s-sigurtà tal-impjieg u l-livell tas-salarju huma aktar importanti minn kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajbin għas-saħħa, li ġew fit-tielet post qabel is-sigħat tax-xogħol.

Tagħrif aħjar – kundizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà mtejba
L-aħbar inkoraġġanti hija li n-nies fi ħdan bosta mill-Istati Membri (b'mod partikolari l-UE-15) iqisu ruħhom li huma infurmati sew dwar ir-riskji fuq il-post tax-xogħol u 57% minn dawk li wieġbu jemmnu li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tjiebu matul dawn l-aħħar ħames snin.

Differenzi bejn is-sessi
L-istħarriġ jirrifletti wkoll differenzi bejn is-sessi fl-attitudnijiet lejn l-OHS. Il-parteċipanti rġiel ikkunsidraw is-salarju (61%) u s-sigurtà tal-impjieg (55%) bħala l-fatturi l-aktar importanti meta wieħed jagħżel xogħol ġdid, waqt li l-perċentwali kienu aktar baxxi fost in-nisa li wieġbu (53% u 51%, rispettivament). Għall-kuntrarju, in-nisa jidhru li jagħtu aktar importanza lis-sigħat tax-xogħol (26%) mill-irġiel (19%).

Barra minn hekk, minn fost dawk li wieġbu hemm aktar irġiel li jemmnu li l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tjiebu matul dawn l-aħħar snin (62%) milli nisa (52% biss), u l-irġiel iħossu li huma aktar infurmati dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà (71%) milli n-nisa (61%).

Jukka Takala qal: "Fil-fatt, hemm tendenza li r-riskji ta' saħħa u sigurtà għan-nisa fuq ix-xogħol ikunu sottovalutati u ttraskurati. L-inkompatibbiltà tal-ħin tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, ix-'xift doppju' li għadu jaffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat u l-fatt li hemm aktar enfasi fuq inċidenti fuq ix-xogħol milli fuq is-saħħa fuq il-post tax-xogħol (li twassal biex tingħata aktar attenzjoni lejn setturi u xogħolijiet iddominati mill-irġiel) huma wħud mill-isfidi ġodda li għandhom jiġu indirizzati. Huwa essenzjali li nadottaw approċċ 'sensittiv lejn is-sessi' fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, kwistjoni li l-UE-OSHA ser tkompli ssegwi fil-kontribut tagħha sabiex jiġi żgurat għarfien akbar fi ħdan in-negozji madwar l-Unjoni Ewropea".

L-UE-OSHA żvolġiet rwol essenzjali fil-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fi ħdan l-Ewropa għal aktar minn għaxar snin u ser tkompli tikkontribwixxi permezz tal-approċċ proattiv tagħha lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kampanja tal-Aġenzija bl-isem Postijiet tax-Xogħol li Jġibu Quddiem is-Saħħa, inkluża l-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol mid-19 sat-23 ta' Ottubru, hija l-akbar kampanja ta' tagħrif dwar l-OHS fid-dinja, u tinvolvi eluf ta' organizzazzjonijiet u ħaddiema minn madwar l-Ewropa.

L-istess stħarriġ jindika xejriet pożittivi f’Malta, speċjalment fil-livell għoli ta’ għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Malta ġiet klassifikata fit-tieni post fost il-pajjiżi tal-UE f’dak li jirrigwarda l-importanza li tingħata lil fatturi deċiżivi relatati mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol meta wieħed ikun qed ifittex impjieg ġdid. Il-maġġoranza tal-Maltin stqarrew li l-livelli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tjiebu tul dawn l-aħħar ħames snin (bi 72% tal-Maltin li wieġbu hekk, Malta ġiet fir-raba’ post fost il-pajjiżi tal-UE), waqt li kienu biss 17% dawk li qalu li dawn il-livelli marru għall-agħar. 41% tal-Maltin huma tal-fehma li l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'Malta se jiddeterjoraw minħabba l-kriżi ekonomika (imqabbla mal-medja Ewropea ta’ 61%). 59% tal-Maltin jikkunsidraw lilhom infushom bħala infurmati sew dwar ir-riskji relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (imqabbla mal-medja Ewropea ta’ 66%).

Dr. Mark Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA-Malta stqarr li, “Waqt li wieħed għandu jkun prudenti meta jinterpreta r-riżultati ta’ stħarriġ relatat mal-opinijoni pubblika, ir-riżultati miksuba normalment jagħtu indikazzjoni tajba tas-sitwazzjoni attwali ta’ dak il-mument li jkun sar fih l-istudju. OHSA-Malta hi tabilħaqq sodisfatta li r-riżultati tax-xogħol sfieq tagħha bdew iħallu l-frott, u li issa hemm aktar għarfien dwar il-benefiċċji li joffru l-livelli għoljin tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan minbarra l-fatt li hawn aktar informazzjoni disponibbli llum milli kien hemm ħames snin ilu (bejn wieħed u ieħor minn kemm ilha li twaqqfet l-OHSA-Malta). Dan huwa wkoll korroborat mill-fatt li, kuntrarjament għal bosta dikjarazzjonijiet pubbliċi, il-maġġoranza l-kbira tan-nies f’Malta jemmnu li l-livelli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tjiebu sostanzjalment tul dawn l-aħħar ħames snin.”

Għal aktar tagħrif dwar ir-riżultati tal-Istħarriġ tal-Opinjonijiet Pan-Ewropew dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jekk jogħġbok żur is-sit tagħna fuq: http://osha.europa.eu/mt/statistics/eu-poll/index_html-mt.

Photo:
http://www.prlog.org/10369846/1

# # #

Media Consulta is a leading independent PR and advertising agency in Europe and a market leader in the areas of corporate communication, youth marketing and political communication.

--- end ---

Click to Share

Contact Email:
***@media-consulta.com Email Verified
Source:Media Consulta International Ltd.
Phone:(+356) 22 060 152
Fax:(+356) 21 226 101
Address:Psaila Street
Zip:BKR9077
City/Town:Birkirkara
State/Province:none
Country:Malta
Industry:Health, Human resources, Research
Tags:, , , , , ,
Last Updated:Oct 09, 2009
Shortcut:http://prlog.org/10369846
Disclaimer:   Issuers of the press releases are solely responsible for the content of their press releases. PRLog can't be held liable for the content posted by others.   Report Abuse

Latest Press Releases By “

More...

Upcoming Press Releases...



  1. SiteMap
  2. Privacy Policy
  3. Terms of Service
  4. Copyright Notice
  5. About
  6. Advertise
Like PRLog?
3.5K1.4K1.3K
Click to Share